Kampjun ta' Riżorsi
Hemm firxa wiesgħa ta' sfidi li jinġabru f'4 oqsma ta' missjonijiet li jaħsbu għall-kulturi differenti, l-isfidi u d-diversi oqsma li jirrigwardjaw l-ilma:
Ilma Prezzjuż – Kif se nevitaw it-telf tal-ilma minn viti jqattru u mill-flaxings?
Tgħallem kif l-azzjonijiet tagħna ta' kuljum fl-iskola u fid-dar iħallu impatt fuq il-komunitajiet lokali. L-istudenti se jibdew jaraw id-differenzi bejn pajjiżi li għandhom ħafna ilma u oħrajn li għandhom ftit u jitgħallmu li meta qed tiffranka l-ilma tkun qed tiffranka l-enerġija u l-flus u għaldaqstant kulħadd jibbenefika. L-istudenti, permezz ta' lezzjonijiet u attivitajiet, se josservaw fejn hemm viti jqattru u jidentifikaw fejn qed jinħela l-ilma fi djarhom, sew jekk fil-kamra tal-banju, fil-kċina jew fil-ġnien. Imbagħad se jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa permezz ta' ideat biex tinbidel din l-imġiba ta' ħela kemm fid-dar kif ukoll fl-iskola u fil-komunità.
Ilma Ħelu - Tixrob ilma tal-vit?
Tgħallem dwar l-importanza li żżomm l-ilma nadif u kif ilma maħmuġ ma jaffettwax biss lilna imma kull xorta ta' ħajja li hawn fid-dinja. L-istudenti se jinvestigaw l-impatt tal-ilma nadif fuq il-bijodiversità u l-effetti li jħalli ilma maħmuġ fuq il-pjanti, l-annimali u l-art innifisha. Dan se jsir permezz ta' studju fuq il-kwalità tal-ilma ta' fejn joqogħdu billi jikkunsidraw fatturi bħalma huma l-iskart u l-użu tal-art. L-attivitajiet se jgħinu lill-istudenti biex jaħsbu sewwa x'jistgħu jitfgħu fid-drejn u jifhmu l-impatt li dan iħalli fuq l-infrastruttura u l-ambjent. Huma se jinvolvu ruħhom fi programm globali ta' monitoraġġ.
Ilma moħbi - Taf kemm fiha ilma kikkra te?
Tgħallem dwar il-ħajja sigrieta tal-ilma, u kif l-ilma jidħol f'kollox, ibda mit-T-shirt li tilbes u spiċċa f'biċċa karta. L-istudenti se jinvestigaw minn wara l-kwinti l-ilma moħbi fl-iskola tagħhom. Se jiġu inkoraġġiti biex isibu modi kif se jnaqqsu l-impronta tal-ilma fi djarhom u fl-iskola billi jnaqqsu l-użu tal-ilma, jerġgħu jużaw u jirriċiklaw l-affarijiet, janalizzaw il-menù tal-canteen tal-iskola kif ukoll il-kontenut tal-ilma fil-ħwejjeġ li jilbsu. L-attivitajiet huma maħsuba biex iqanqlu lill-istudenti biex jaqsmu l-informazzjoni li jkunu sabu mal-iskola kollha biex jikxfu fejn hemm l-ilma moħbi.
Ilma Globali - Kemm lest li timxi għal tazza ilma?
Tgħallem kif l-użu tal-ilma fid-dar u fl-iskola jista' jaffettwa komunitajiet vulnerabbli madwar id-dinja mill-aċċess għall-ilma nadif sat-tibdil fil-klima. L-attivitajiet se jgħinu lill-istudenti jifhmu l-konnessjoni li hemm bejn l-ilma nadif u s-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u t-tibdil fil-klima. L-istudenti se jikkunsidraw ukoll il-kuntrast bejn dawk li għandhom aċċess għall-ilma nadif fil-vit u dawk li jridu jimxu qatigħ biex isibu l-ilma li, bosta drabi, ma jkunx tajjeb għax-xorb. L-istudenti se jieħdu azzjoni biex jiffrankaw l-ilma biex jonqos l-impatt tat-tibdil fil-klima fid-dinja, u jassiguraw kwalità ta' ħajja sana lil kulħadd.